Il-Funzjonijiet tal-Kummissjoni

Menu

Bis-saħħa tal-Kapitolu 456 tal-Liġijiet ta’ Malta – l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa, l-NCPE tissalvagwardja l-ugwaljanza fuq il-bażi ta’ ġeneru u responsabbiltajiet li ġġib il-familja, orjentazzjoni sesswali, età, reliġjon jew twemmin, oriġini etnika jew razzjali, u identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru jew karatteristiċi tas-sess fl-impjieg, fl-edukazzjoni kif ukoll fil-banek u istituzzjonijiet finanzjarji. B’mod partikolari, skont din il-leġiżlazzjoni, il-funzjonijiet tal-NCPE jinvolvu:

(a) li tidentifika, tistabbilixxi u taġġorna kull politika li direttament jew indirettament hija relatata ma’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza;

(b) tidentifika l-ħtiġijiet ta’ persuni li huma żvantaġġati minħabba fis-sess tagħhom u li tieħu dawk il-passi fis-setgħa tagħha u tipproponi miżuri adatti biex jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet bl-iktar mod estensiv possibbli;

(c) tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza;

(d) tikkordina bejn u tiżgura l-koordinazzjoni meħtieġa bejn dipartimenti tal-gvern u aġenziji oħra fl-implimentazzjoni ta’ miżuri, servizzi jew inizjattivi proposti mill-Gvern jew mill-Kummissjoni minn żmien għal żmien;

(e) iżżomm kuntatt dirett u kontinwu ma’ korpi lokali u esteri li jaħdmu fil-qasam ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza, u ma’ gruppi, aġenziji jew individwi oħra skont il-ħtieġa;

(f) taħdem biex tinkiseb l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa;

(g) tagħmel investigazzjonijiet ġenerali bil-għan li jiġi stabbilit jekk id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att humiex qegħdin jiġu mħarsa;

(h) tinvestiga b’mod indipendenti lmenti ta’ xorta iktar partikolari jew individwali sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att humiex qegħdin jinkisru fil-konfront ta’ min ikun qed jagħmel l-ilment u, meta jitqies adatt, li tagħmilha ta’ medjatur dwar dawk l-ilmenti;;

(i) tindaga u tagħti pariri jew tasal għal konklużjonijiet b’mod indipendenti dwar kull ħaġa li hi relatata mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hekk kif jistgħu jiġu riferiti mill-Ministru;

(j) tagħti assistenza indipendenti, meta u skont ma jkun adatt, lil persuni li jkunu qegħdin ibatu minn xi diskriminazzjoni meta dawn jiġu biex jiksbu d-drittijiet tagħhom taħt dan l-Att;

(k) tissorvelja t-twettiq ta’ dan l-Att, u meta jkun meħtieġ, fuq talba tal-Ministru jew xort’oħra, tippreżenta proposti biex l-Att jiġi emendat jew sostitwit;

(l) twettaq kull funzjoni oħra li tista’ tiġi assenjata b’dan l-Att jew b’kull Att ieħor jew dawk il-funzjonijiet l-oħra li jistgħu jiġu assenjati mill-Ministru.

L-Avviż Legali 85 tal-2007 – Trattament Indaqs ta’ Persuni​jestendi r-responsabbiltajiet tal-NCPE biex tinkludi l-promozzjoni tal-ugwaljanza abbażi ta’ oriġini etnika/razzjali fl-aċċess għal u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi: Bis-saħħa ta’ dan l-Avviż Legali, l-NCPE tiżgura li l-ebda persuna, stabbiliment jew entità, kemm jekk fis-settur pubbliku jew f’dak privat, m’għandha tiddiskrimina kontra xi persuna oħra dwar:

(a) Il-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa;

(b) Il-vantaġġi soċjali;

(c) L-edukazzjoni;

(d) L-aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar; u

(e) L-aċċess għal kull servizz ieħor.

Barra minn hekk, l-NCPE hija responsabbli wkoll għal-ħarsien tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aċċess u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi, kif stabbilit mill-Avviż Legali 181 tal-2008 – Regolamenti tal-2008. dwar Trattament Indaqs fl-Aċċess u l-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi. Għaldaqstant, l-NCPE taħdem ukoll biex tiġġieled kontra diskriminazzjoni diretta u indiretta kif ukoll kontra l-fastidju sesswali abbażi tal-ġeneru fl-aċċess u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi. Fil-fatt, il-funzjonijiet tal-NCPE ġew estiżi biex tiġi ssalvagwardjata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’dan il-qasam, u b’mod speċifiku biex:

(a) tipprovdi għajnuna indipendenti lil vittmi ta’ diskriminazzjoni biex jimxu ‘l quddiem bl-ilmenti tagħhom dwar xi diskriminazzjoni;

(b) twettaq stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni; u

(c) tippubblika rapporti indipendenti u tfassal rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni.

L-NCPE tkopri wkoll il-libertà ta’ moviment għal ħaddiema fl-UE bis-saħħa tal-Avviż Legali 173 tal-2016 – Regolamenti dwar l-Eżerċitar tad-Drittijiet Konferiti fuq il-Ħaddiema (Moviment Liberu). Persuni li jħossu li ltaqgħu jew qed jiltaqgħu ma’ ostakoli għall-eżerċitar, jew kellhom jew qed ikollhom id-dritt tagħhom tal-moviment liberu restritt mingħajr ġustifikazzjoni, għandhom id-dritt li jressqu lment mal-Kummissarju, ukoll meta r-relazzjoni li fiha l-allegat ostaklu jew restrizzjoni tkun intemmet, u l-Kummissarju għandu jagħti bidu għall-proċeduri preskritti fl-Att jew fi kwalunkwe liġi jew regolament applikabbli ieħor.