Ir-Responsabbiltajiet tal-NCPE
- Aġġornata l-aħħar: 08/10/2026
Il-kompitu primarju tal-NCPE huwa li tissorvelja l-implimentazzjoni ta’:
- Kap 456 – Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa
- L.S. 460.15 – Ordni dwar Trattament Indaqs ta’ Persuni
- L. S. 456.01 – Regolamenti dwar Trattament Indaqs fl-Aċċess u l-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi
- L.S. 456.02 – Regolamenti dwar il-Proċedura ta’ Investigazzjoni
- L.S. 456.03 – Regolamenti dwar l-Eżerċitar tad-Drittijiet Konferiti fuq il-Ħaddiema (Moviment Liberu)
- L.S. 456.04 – Regolamenti tal-2024 dwar il-Promozzjoni tal-Bilanċ bejn il-Ġeneri fost Diretturi ta’ Kumpanniji Elenkati
Il-Kummissjoni taħdem biex tiżgura li s-soċjetà Maltija tkun soċjetà ħielsa minn kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’:
(i) sess/ġeneru u responsabbiltajiet li ġġib il-familja, orjentazzjoni sesswali, età, reliġjon jew twemmin, oriġini etnika jew razzjali, u identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru jew karatteristiċi tas-sess fl-impjieg, banek u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll fl-edukazzjoni;
(ii) oriġini etnika/razzjali u l-ġeneru fl-aċċess ta’ oġġetti jew servizzi u l-provvista tagħhom; u
(iii) libertà ta’ moviment għall-ħaddiema fl-UE.
L-NCPE taħdem ukoll biex tippromwovi, tanalizza, timmonitorja u tappoġġja l-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet ta’ kumpanniji elenkati.
Id-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi ġiet trasposta fil-leġiżlazzjoni Maltija bl-Avviż Legali 173 tal-2026, ir-Regolamenti tal-Paga Ugwali (Rappurtaġġ u Trasparenza).
B’dawn ir-Regolamenti, l-NCPE, bħala l-Korp tal-Ugwaljanza, tista’, f’isem l-impjegati:
- Titlob informazzjoni relatata mal-pagi m’għand min jimpjega, fejn dawn ma jirrispondux għat-talba tal-impjegati fi żmien tmint ijiem.
- Titlob informazzjoni relatata mal-pagi li għandha x’taqsam mal-livelli tal-paga jew il-livelli tal-pagi medji tal-impjegat, f’każijiet fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni lill-impjegat mhux possibbli.
- Titlob aktar kjarifiki, inkluża spjegazzjoni dwar id-differenzi tal-pagi tal-ġeneru fejn dawk li jimpjegaw iridu jipprovdu risposti sostanzjati.
Flimkien mal-Korp ta’ Monitoraġġ, l-NCPE tista’ wkoll tagħti pariri lill-impjegati fuq talbiet possibbli, mingħajr ma tikxef il-livelli ta’ paga attwali ta’ ħaddiema individwali li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur.
Jekk jogħġbok irreferi għall-fuljett disponibbli hawn.