L-Ugwaljanza fuq il-Post tax-Xogħol

Menu

​Kapitolu 456 ​ ​jiddefinixxi diskriminazzjoni bħala ‘bbażata fuq is-sess, jew minħabba responsabbiltajiet li ġġib il-familja, orjentazzjoni sesswali, età, reliġjon jew twemmin, oriġini etnika jew razzjali, jew identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru jew karatteristiċi tas-sess li jinkludu t-trattament ta’ persuna b’mod inqas favorevoli mit-trattament li qiegħed jingħata, kien ingħata jew kieku jiġi trattat fuq dawn ir-raġunijiet.’

Diskriminazzjoni fl-Artikolu 2(3) ta’ dan l-Att tinkludi meta:

(a) jingħata trattament anqas favorevoli, direttament jew indirettament, lill-irġiel u lin-nisa minħabba fis-sess tagħhom jew minħabba responsabbiltajiet li ġġib il-familja tagħhom jew minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-oriġini etnika jew razzjali, jew identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, jew karatteristiċi tas-sess;

(b) mara tiġi ttrattata b’mod anqas favorevoli minħabba fi tqala li tkun teżisti jew li tista’ sseħħ jew it-twelid ta’ tarbija;

(c) l-irġiel u n-nisa jigu ttrattati b’mod anqas favorevoli minħabba li jkunu ġenituri, r-responsabbiltajiet li ġġib il-familja jew għal xi raġuni oħra li jkollha x’taqsam mas-sess, u, jew orjentazzjoni sesswali, età, reliġjon jew twemmin, oriġini etnika jew razzjali, identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, jew karatteristiċi tas-sess;

(d) kull trattament ibbażat fuq provvediment, kriterju jew prattika li kieku kien iqiegħed persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor jew tal-istess sess jew orjentazzjoni sesswali, età, reliġjon jew twemmin, oriġini etnika jew razzjali, jew identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, jew karatteristiċi tas-sess ħlief jekk dak il-provvediment, kriterju jew dik il-prattika jkunu xierqa jew meħtieġa u jkunu jistgħu jiġu ġustifikati permezz ta’ fatturi oġġettivi li ma jkollhomx x’jaqsmu mas-sess.

F’termi ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Att jinkludi nondiskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-post tax-xogħol fl-aspetti kollha tal-impjieg li jinkludu reklamar għal reklutaġġ, il-proċess ta’ reklutaġġ, min jingħata l-impjieg, it-termini li bihom jingħata l-impjieg, il-mod kif ix-xogħol jiġi amministrat u kif jiġu diviżi l-kompiti, is-salarju u l-benefiċċji, opportunitajiet ta’ taħriġ, promozzjonijiet u sensja. In-negliġenza tal-obbligu li jiġi mrażżan il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol hija wkoll forma ta’ diskriminazzjoni.

Ebda stabbiliment edukattiv jew stabbiliment ieħor li jagħti taħriġ jew gwida vokazzjonali ma jista’ jiddiskrimina kontra xi ħadd fl-attendenza għal xi kors, taħriġ jew gwida vokazzjonali; fl-għoti ta’ appoġġ edukattiv, fl-għażla u fl-implimentazzjoni tal-kurrikula; u fil-valutazzjoni tal-ħiliet jew konoxxenza tal-istudenti jew trainees Li ma jiġix imrażżan il-fastidju sesswali fl-istabbilimenti edukattivi huwa wkoll forma ta’ diskriminazzjoni.

Il-Fastidju Sesswali

Il-fastidju sesswali għandu jitqies ukoll bħala diskriminazzjoni. Il-Fastidju Sesswali huwa definit bħala ‘kwalunkwe forma ta’ mġiba mhux mixtieqa, sew verbali, mhux verbali jew fiżika ta’ xorta sesswali bl-iskop jew bl-effett li tikser id-dinjità ta’ persuna , b’mod partikolari meta din tkun toħloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.’ Skont Artikolu 9 tal-Kapitolu 456, l-ebda persuna ma tista’ tagħti fastidju sesswali billi:

(a) jassoġġettaw lil persuni oħra jagħmlu xi att ta’ intimità fiżika

(b) jitolbu favuri sesswali mingħand persuni oħra

(c) jassoġġettaw lil persuni oħra għall-għemil ta’ xi att jew it-twettieq ta’ xi mġieba li jkollhom konnotazzjonijiet sesswali, inklużi kliem mitkellma, mossi, għemil, il-wiri jew iċ-ċirkolazzjoni ta’ kliem miktuba, stampi jew xi materjal ieħor li ma jkunux jogħġbu lill-persuni li jkunu indirizzati lejhom u jkunu jistgħu raġonevolment jitqiesu bħala offensivi, umiljanti jew intimidatorji.

(d) jitrattaw b’mod anqas favorevoli persuni hekk assoġġettati jew mitluba minħabba li ċaħdu jew ċedew għal talbiet jew favuri sesswali.

Jekk persuni jiġu vittimizzati għaliex ikunu għamlu lment jew taw bidu/ħadu sehem fi proċeduri għal rimedju lill-awtoritajiet legali, għandu wkoll jitqies li tkun saret diskriminazzjoni.