L-Ugwaljanza fl-Aċċess u l-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi

Menu

L-Ugwaljanza fl-Aċċess u l-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi

Avviż Legali 181/2008 – Regolamenti tal-2008 dwar Trattament Indaqs fl-Aċċess u l-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi, jispjega l-illegalità ta’ trattament diskriminatorju dirett u indirett, abbażi tal-ġeneru, fl-aċċess u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi. Dawn ir-regolamenti japplikaw għall-‘persuni kollha li jipprovdu oġġetti u servizzi, li jkunu disponibbli għall-pubbliku irrispettivament mill-persuna involuta fir-rigward tas-setturi kemm pubbliċi u kemm privati, inklużi korpi pubbliċi, u li jkunu offruti barra mill-qasam tal-ħajja privata u dik familjari u għal kull tranżazzjoni li ssir f’dan il-kuntest.’ Għall-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti, il-fastidju u l-fastidju sesswali huma pprojbiti u istruzzjoni biex isir trattament differenzjali kemm jekk dirett jew indirett jitqies ukoll bħala diskriminazzjoni.
Avviż Legali 85/2007 jispjega l-illegalità tad-diskriminazzjoni ta’ individwi abbażi tal-oriġini etnika u razzjali tagħhom. B’mod aktar speċifiku, dan l-Avviż Legali jkopri l-ugwaljanza fir-riklamar, diskriminazzjoni diretta u indiretta, fastidju, vittimizzazzjoni, u diskriminazzjoni minn banek jew istituzzjonijiet finanzjarji. Dan l-avviż legali jiddikjara wkoll li ebda entità tas-settur pubbliku jew privat, inklużi korpi pubbliċi m’għandhom jiddiskriminaw kontra kwalunkwe persuna oħra fir-rigward ta’:

  • l-protezzjoni soċjali, inklużi sigurtà soċjali u kura tas-saħħa;
  • l-vantaġġi soċjali;
  • l-edukazzjoni;
  • l-aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar; u
  • l-aċċess għal kull servizz ieħor skont ma jiġi msemmi bil-liġi għall-finijiet ta’ dan l-Avviż Legali.