Natwalizzaw il-Potenzjal tal-Mara

Menu

L-Għanijiet: Din l-inizjattiva ġiet iddisinjata biex ittejjeb l-aċċess għall-impjieg u ttejjeb il-parteċipazzjoni u l-progress tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi tinvestiga r-raġunijiet li jwasslu għal rata baxxa ta’ impjieg tan-nisa f’Malta u Għawdex waqt li fl-istess ħin tippromwovi kultura ta’ ugwaljanza fis-settur tan-negozju sabiex jiġu indirizzati distorsjonijiet fis-suq tax-xogħol.
L-għanijiet ta’ Natwalizzaw il-Potenzjal tal-Mara kienu sabiex:
  • tiżdied ir-rata ġenerali ta’ impjieg fost in-nisa billi jiġu pprovduti inċentivi indiretti għax-xogħol;
  • jinħoloq bżonn għan-negozji biex isiru impjegaturi ċċertifikati li joffru opportunità ta’ xogħol indaqs;
  • ikun hemm ambjent favur il-familja fuq il-post tax-xogħol;
  • tinċentiva lil dawk inattivi jersqu lejn is-suq tax-xogħol permezz ta’ arranġamenti aħjar ta’ xogħol;
  • tippromwovi aktar il-bżonn għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja kemm għall-irġiel u għan-nisa;
  • tanalizza t-tqabbil tal-ħiliet max-xogħlijiet għall-popolazzjoni inattiva sabiex ittejjeb l-impjegabbiltà; u
  • tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’informazzjoni essenzjali permezz ta’ riċerka.
Ir-Riċerka: Bħala parti minn din l-inizjattiva, twettqet riċerka fil-fond dwar aspetti differenti relatati mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari:

Is-Sitwazzjoni ta’ Intraprendituri Rġiel u Nisa u Ħaddiema Vulnerabbli f’Malta – studju komparattiv biex jiffoka fuq intraprendituri rġiel u nisa, fejn jesplora r-raġunijiet prinċipali tagħhom għall-għażla tal-intraprenditorija; iħares ukoll lejn l-aspettativi u l-isfidi ġenerali tal-intraprendituri.  Twettaq studju ieħor li analizza r-realtà ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom/b’kuntratt fl-industrija tat-turisti/tindif/skejjel tal-lingwi u x’jagħmel is-sitwazzjoni tagħhom vulnerabbli.

Ir-Relevanza tal-Indipendenza Ekonomika għan-Nisa Maltin – analiżi ta’ dak li jipproduċi ‘s-saqaf tal-ħġieġ’ fl-impjiegi; studju dwar jekk l-indipendenza ekonomika hijiex relevanti għan-nisa Maltin; u studju dwar l-effetti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali dwar id-deċiżjoni li tidħol fis-suq tax-xogħol.

L-Analiżi tal-Inattività minn Perspettiva tal-Ġeneru – studju li jiddentifika, jifhem u jivvalida r-raġunijiet sottostanti għall-inattività tan-nisa f’Malta. Bħala riċerka ta’ segwitu, twettaq studju dwar il-ħiliet tal-popolazzjoni inattiva.

Ir-Riċerka dwar in-nisa Għawdxin f’impjieg – dan l-istudju esplora u fehem il-fatturi li jaffettwaw lin-nisa Għawdxin sabiex jidentifika l-perċezzjonijiet u l-bżonnijiet tagħhom fil-qasam ta’ impjieg bi ħlas.

Il-Prospetti tal-Ħajja ta’ Ġenituri Adoloxxenti studju li jeżamina l-prospetti tal-ħajja ta’ ġenituri adoloxxenti fir-rigward ta’ prospetti edukattivi u tax-xogħol, il-mudelli tar-rwoli u l-użu ta’ strutturi ta’ sostenn.

Il-Marka tal-Ugwaljanza:

Il-Marka tal-Ugwaljanza hija ċertifikazzjoni li tingħata lil kumpaniji/organizzazzjonijiet li jpoġġu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala waħda mill-valuri tagħhom u li l-ġestjoni tagħhom tirrikonoxxi u tippromwovi l-potenzjal tal-impjegati kollha irrispettivament mill-ġeneru u r-responsabbiltajiet ta’ kura tagħhom.

 Għal aktar informazzjoni dwar il-Marka tal-Ugwaljanza, jekk jogħġbok agħfas hawn.

It-Tkabbir tal- Għarfien:

Biex jitkabbar aktar l-għarfien dwar il-Marka tal-Ugwaljanza, ġew użati mezzi differenti ta’ komunikazzjoni inklużi billboards, riklami f’xelters tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni onlajn u avviżi ta’ servizz pubbliku fuq it-TV u r-radju.  Il-kampanja ta’ pubbliċità kellha fil-mira l-pubbliku ġenerali b’attenzjoni partikolari lejn l-organizzazzjonijiet tan-negozju u tal-impjegaturi kif ukoll il-popolazzjoni inattiva. 

Artikli dwar il-Marka tal-Ugwaljanza fil-media: Attivitajiet Oħra:

Wara l-iżvilupp tal-kunċett u l-kampanja tal-Marka tal-Ugwaljanza, ġiet kummissjonata analiżi li tevalwa l-impatt tal-Marka tal-Ugwaljanza.  L-għan ta’ din l-analiżi kien li tinħoloq għodda li tappoġġja l-opportunitajiet indaqs lil hinn mill-ħajja tal-proġett, billi ssaħħaħ l-effetti tal-proġett anki wara li jintemm, kif ukoll billi jiġi utilizzat il-potenzjal sħiħ tal-Marka tal-Ugwaljanza bħala għodda pożittiva għall-bidla.

Il-Konferenza Finali:  Stqarrija għall-Istampa bl-Ingliż
Stqarrija għall-Istampa bil-Malti
Ir-Rapport Finali
Referenza tal-Proġett. ESF 3.47
Isem tal-Proġett Natwalizzaw il-Potenzjal tal-Mara
Fondi Il-Fond Soċjali Ewropej (FSE)
Data tal-Bidu Diċembru 2008
Data tat-Tmiem Diċembru 2012
Imsieħba Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC)
L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA)
L-Unjoni Ħaddiema Magħqudin (UHM)
Il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani (FHRD)
Il-General Workers Union (GWU)