Proġetti Oħra

Menu

Gender News Good News

L-għan ewlieni ta’ ‘Gender News Good News’ kien li jsir xogħol ma’ individwi involuti fil-media mill-erba’ pajjiżi sieħba biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta’ rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. L-effetti kollaterali tas-sensibilizzazzjoni tal-parteċipanti ġew riflessi fil-produzzjoni ta’ programmi li mxew lil hinn mis-sitwazzjonijiet stereotipiċi li s-soltu jintwerew u ħolqu spazju għal aktar kunċetti u ideat li jistgħu jiġu inkorporati fil-produzzjonijiet.

L-imsieħba li pparteċipaw kienu Franza, l-Italja (is-sieħeb ewlieni), Malta u Spanja.  L-NCPE flimkien mal-ETC kienu l-imsieħba Maltin f’din l-Inizjattiva Komunitarja. 

L-aspett tat-taħriġ ta’ din l-inizjattiva ffoka fuq żewġ sessjonijiet ta’ ħidma li, fost affarijiet oħra, urew eżempji ta’ prattiki tajbin u prattiki ħżiena ta’ rikonċiljazzjoni fil-pajjiżi parteċipanti kollha. Iż-żewġ sessjonijiet ta’ ħidma li kienu ppjanati saru f’Ruma u f’Madrid rispettivament. Bejn is-sessjonijiet ta’ ħidma, il-parteċipanti, li kienu ġejjin mill-erba’ pajjiżi sieħba, ħadmu wkoll fuq żvilupp ta’ linji gwida dwar is-suġġett biex ikunu jistgħu jintużaw fuq livell pan-Ewropew. Kull pajjiż ingħata l-għażla li jibgħat massimu ta’ tmien parteċipanti. Id-data li nġabret minn kull pajjiż sieħeb intbagħtet lis-sieħeb ewlieni f’forma ta’ noti tal-lekċers sabiex jiġu mqassmin mal-parteċipanti bħala parti mill-esperjenza edukattiva.

Is-sessjonijiet ta’ ħidma saru minn esperti li ġew identifikati mill-erba’ pajjiżi. L-espert lokali kienet Dr Brenda Murphy li l-ispeċjalizzazzjoni tagħha fil-ġeneru u l-media kienet importanti ħafna għal dan il-proġett.

LUgwaljanza bejn is-Sessi – ir-responsabbiltà taż-żewġ sessi

L-NCPE pparteċipat fi proġett Ċiprijott ma’ sieħba tranżnazzjonali oħra mill-Greċja u l-Italja. Dan il-proġett kellu l-għan li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġġieled l-istereotipi relatati ma’ rwoli tal-ġeneru fi skejjel primarji u sekondarji. Għal dan il-għan, ġew organizzati laqgħat tal-konferenza fil-pajjiżi sieħba tranżnazzjonali biex iqajmu kuxjenza mal-għalliema u persuni oħra involuti fil-qasam tal-edukazzjoni u xerrdu għarfien dwar il-prattiki li ħarġu minn kull pajjiż sieħeb.


Il-Proġett UNESCO – Il-Lakuna bejn is-Sessi Fix-Xjenza u t-Teknoloġija

Dan il-proġett kellu żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwel mira kienet li tinġabar statistika koerenti u informazzjoni oħra dwar differenzi bejn il-ġeneri fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija. Ħafna mill-informazzjoni dwar dawn id-differenzi f’dan il-qasam kienet diġà teżisti, madanakollu, kienet mifruxa madwar entitajiet differenti bħall-ETC, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Università ta’ Malta, l-MCAST u d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.

It-tieni kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-proġett kien li titqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett fost il-pubbliku ġenerali speċjalment fost studenti femminili u l-ġenituri tagħhom. L-għan kien li din l-udjenza tintlaħaq pemezz ta’ laqgħat li ġew organizzati f’April 2006, fejn ipparteċipaw studenti femminili minn skejjel sekondarji differenti. Il-parteċipanti femminili kienu fl-istadju li jagħżlu s-suġġetti tal-għażla tagħhom. Waqt dawn il-laqgħat, l-istudenti ġew informati dwar l-opportunitajiet differenti li jeżistu f’Malta u fl-UE. Barra minn hekk, kellhom ukoll l-opportunità li jitgħallmu b’mod dirett minn esperjenzi ta’ nisa li diġà jaħdmu f’dan il-qasam.

 Is-sejbiet tar-riċerka tal-proġett

VT/2006/009 Taħriġ kontra d-diskriminazzjoni u dwar id-Diversità

The Human European Consultancy Group fi sħubija mal-Grupp għall-Politika dwar il-Migrazzjoni għamlu sottomissjoni fir-rigward tas-sejħa għall-proposti ta’ VT/2006/009 – Taħriġ kontra d-diskriminazzjoni u dwar id-Diversità u avviċina lill-NCPE sabiex tkun il-kordinatur Malti għas-sottomissjoni. Għal dan il-għan, l-NCPE organizzat żewġ seminars fuq jumejn biex tippromwovi n-nondiskriminazzjoni fost l-NGOs u t-Trade Unions lokali u seminar ieħor ta’ ġurnata biex tippromwovi l-ġestjoni tad-diversità fost l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, kumpaniji kbar, u Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) kemm fis-settur privat u anke dak pubbliku. L-għan tas-seminar kien li jiġi żviluppat aktar għarfien dwar in-nondiskriminazzjoni.